Jintemm strajk ta’ xahar għall-għalliema fil-Ġordan wara ftehim dwar il-paga

FILE PHOTO - A girl holds placard in front of a Jordanian national flag as public schools' teachers take part in a protest in Amman, Jordan October 3, 2019. The placards read: "We will ensure the safety of our students and our strike continues ". REUTERS/Muhammad Hamed

Il-Gvern fil-Ġordan qal li wasal għal ftehim dwar il-paga tal-għalliema mal-union li tirrappreżentahom. B’hekk dan wassal għat-tmiem ta’ strike li ilu għaddej xahar sħiħ. Dan kien l-itwal strike pubbliku fil-pajjiż u kkawża tħarbit fl-edukazzjoni ta’ 1.5 miljun student.

Il-ftehim ġie wara li l-istrike kien se jwassal għal aktar problem politiċi. Dan wara li l-Gvern il-ġimgħa l-oħra beda passi legali kontra l-union wara li din ma aċċettatx il-pagi proposti mill-Gvern u ddeskriviethom bħala “frak tal-ħobż”. Il-Gvern kien qal li ma jaffordjax iħallas iktar.

Il-ftehim li tella’ l-allowances minn 35% għal 60% mis-sena ddieħla ġie wara ġimgħat sħaħ ta’ staġnar hekk kif il-Gvern qal li l-50% żieda tal-paga proposta mill-union kienet żieda wisq kbira. Qal li din kienet se toħloq problem finanzjarji kbar lill-pajjiż.

Uffiċċjali qalu li r-Re Abdullah ordna li l-Gvern jilħaq ftehim. Dan il-ftehim se jwassal sabiex jgħaddi l-abiltajiet tal-Prim Ministru Omar al Razzaz minn test. Se jkun qed juri jekk dan jirnexxlux jimplementa riformi fiskali iebsin li huma appoġġjati mill-Fond Monetarju Internazzjonali. L-għan huwa li d-dejn tal-pajjiż jonqos b’$40 biljun.

Il-Gvern qed jibża’ li aktar dipartimenti tal-Gvern jitolbu aktar żieda, inkluż tobba, u anke suldati li jridu pensjonijiet aħjar.

Wara li l-Gvern ħabbar iż-żieda, l-Union talbet lill-100,000 membru tagħha sabiex jirritornaw fl-4,000 skola pubblika li ġiet affettwata mill-istrike.