Jintemm l-istrajk tal-HSBC, is-servizz lura għan-normal

L-impjegati tal-HSBC illum il-Ħamis se jirritornaw għax-xogħol wara sebat ijiem ta’ azzjonijiet industrijaliminkejja li għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil dwar il-ftehim kollettiv.
Dan wara taħdidiet bejn il-partijiet kollha konċernati li saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru llejla. Matul dawn il-laqgħat l-Unjin tal-Impjegati tal-Banek (MUBE) qalet li se tirtira l-azzjonijiet industrijali. 
Kmieni għada filgħodu mistennija jissoktaw il-laqgħat bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-ftehim kollettiv għall-impjegati tal-Bank. L-HSBC mistenni jippreżenta proposti konkreti filwaqt li għal-laqgħa mistenni jattendi wkoll il-Kap Eżekuttiv. 
Fi stqarrija, l-MUBE qalet li jekk il-Bank ma jipprovdix proposti konkreti, ma teskludix li terġa' tirrikorri għal azzjonijiet industrijali. 
Illum, klijenti tal-HSBC ilmentaw ma' Newsbook.com.mt u sostnew li d-diżgwid kellu jiġi solvut bejn l-HSBC u l-MUBE, mingħajr ma jiġu affetwati l-klijenti.