Jintemm it-tielet rawnd tal-kampjonat nazzjonali tad-Drag Racing

F’nofs il-ġimgħa l-oħra ingħata l-bidu għat-tielet rawnd mill-kampjonat nazzjonali tad-Drag Racing. Dan ittella’ fit-trakka tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Drag Racing f’Ħal Far.

Inżammet it-tradizzjoni billi dan ir-rawnd sar billejl għal kuntrarju tal-erba’ rawnds l-oħra li normalment isiru matul il-jum.

F’dan ir-rawnd ħadu sehem aktar minn 50 karozza, fosthom irritornaw l-aħwa Borg li kienu ferm popolari mal-udjenza f’Ħal Far fis-snin disgħin. Kien hemm ukoll erba’ karozzi li ġew apposta għall-okkażjoni mill-Greċja. Waħda minnhom hija propju l-Mistubishi Evolution li s-sena l-oħra kienet f’Malta u s-sewwieq irnexxielu jikser rekord mondjali biha.