Jintemm il-lockdown f’Wuhan, l-epiċentru dinji tal-coronavirus

REUTERS/Aly Song

Read in English.

F’Wuhan, fiċ-Ċina, meqjus l-epiċentru dinji tal-coronavirus, intemm il-lockdown li kien ilu fis-seħħ għal 11-il ġimgħa. Kien hawn, belt ta’ 11-il miljun persuna, li l-virus kien konfermat li feġġ għall-ewwel darba f’Diċembru.

Mil-lum, ir-residenti ta’ Wuhan li għandhom il-permessi meħtieġa, jistgħu jivvjaġġaw. 

F’Wuhan, fil-provinċji ta’ Hubei, uffiċjalment mietu aktar minn 2,500 persuna minħabba l-coronavirus.

Fl-istess ħin iżda madwar iċ-Ċina l-każijiet ta’ infezzjonijiet issa irdupjaw bil-maġġoranza tagħhom ikkawżati min-nies li daħlu fil-pajjiż. Għalhekk l-awtoritajiet Ċiniżi imponew diversi restrizzjonijiet iebsa fuq kull min qed jidħol fiċ-Ċina.

Skont l-aħħar ċifri uffiċjali, il-każi konfermati fiċ-Ċina issa huma ta’ 81,802 fosthom 3,333 persuna li tilfu ħajjithom. It-Tlieta kienu konfermati 62 kaz ġdid ta’ coronavirus meta ġurnata qabel dawn kienu 32 – l-ogħla ammont mill-25 ta’ Marzu. Uffiċjali Ċinizi qalu li l-każijiet importati mit-62 registrati kienu jammontaw għal 59 każ.