Jintemm il-kuntratt ta’ Adrian Hillman mal-Malta Gaming Authority

Aġġornat 09:33 PM

Il-kuntratt ta’ Adrian Hillman mal-Malta Gaming Authority twaqqaf peress li kien qed jieħu pagamenti intenzjonati għal kumpanija privata.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo ħabbar dan fuq Twitter ilbieraħ filgħaxija.

Spjega li Hillman ħa dawn il-pagamenti permezz ta’ konsulenzi mill-Malta Gaming Authority. Bartolo qal li ordna li jintemm il-kuntratt ta’ Hillman b’turija ta’ tolleranza żero għal imġiba li tagħmel ħsara lil industrija “hekk kruċjali.”

Kull deċiżjoni li trid tittieħed se tittieħed – Abela

Illum il-PM Robert Abela ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar Adrian Hillman. Il-kuntratt ta’ Adrian Hillman mal-Malta Gaming Authority twaqqaf peress li kien qed jieħu pagamenti intenzjonati għal kumpanija privata.

Robert Abela qal li din kienet deċiżjoni li ġie kkonsultat dwarha u ħass li kellha tittieħed azzjoni. Żied jgħid li kull deċiżjoni li għandha tittieħed se tittieħed.

Fl-2019, Hillman ġie impjegat mill-MGA biex jieħu ħsieb ir-reputazzjoni tal-Awtorità, fl-istess żmien li kienet qed issir inkjesta maġisterjali fuq akkużi li Hillman għamel ħasil ta’ flus. Huwa ngħata dan ix-xogħol b’direct order mill-OPM.

Fl-2016, huwa rreżenja minn Direttur Maniġerjali tal-Allied Group of Companies wara li l-bloger Daphne Caruana Galizia ħarġet allegazzjonijiet li Hillman kien qed jiġi mxaħħam mill-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.  

Wara li ġie ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant li sar mill-Maġistrat Aaron Bugeja, il-Pulizija qalet li qed tinvestiga b’mod attiv ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta, fosthom ir-relazzjoni tal-eks Chief of Staff Keith Schembri ma’ Brian Tonna ta’ Nexia BT u ma’ Adrian Hillman.

“Hillman għandu jitkeċċa mill-Bord tal-AUM ukoll” – Repubblika

F’reazzjoni għal din l-aħbar, l-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika qalet li Hillman ipoġġi wkoll fuq il-Bord tat-Trustees tal-Università Amerikana ta’ Malta. Esiġew li l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici u l-Prim Ministru Robert Abela jkeċċu lil Hillman minn dan l-irwol ukoll.

Lil hinn minn dan, l-għaqda saħqet li “huwa ovvju li l-Pulizija għandhom jinvestigaw dan u jieħdu passi fil-konfront ta’ Hillman bla tkaxkir ta’ saqajn.” Qalet li trid tkun taf kemm l-MGA ilha infurmata b’dan u meta sar l-ewwel rapport fuq hekk.