Jintemm b’suċċess kors tal-coaching fiċ-ċikliżmu

Tyrone Johns mexxa b’suċċess id-WWC – UCI Coach Development Program Level 1. Dan sar possibli bil-ħidma ta’ Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Hu insista kemm felaħ mal-UCI biex isir dan il-kors ferm utli għal Malta. L-istess Bajada kkordina dan il-kors li kien mifrux fuq ħamest ijiem. B’kollox attendew il-massimu possibli aċċettat mill-UCI għal korsijiet simili.

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu rringrazzjat lil Frederic Magne l-UCI Development Director, kif ukoll lill-coach Tyrone Johns tat-tagħlim u l-esperjenza kollha, kemm dik teoretika kif ukoll dik prattika. Il-Federazzjoni rringrazjat lil SportMalta, kif ukoll lill-maniġer Johann Scicluna u l-impjegati kollha tal-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop għas-servizz u l-koperazzjoni li wrew.

Fi tmien il-kors, Joe Bajada stqarr li wara s-suċċess miksub, se jsir kors ieħor mill-UCI f’Malta. Din id-darba se jkun riservat għal Commissioners. Huwa appella lil klabbs kollha biex jibagħtu rappreżentant tagħhom għal dan il-kors.