Jintbagħat jippakkja ħwejġu wara li kien vjolenti ma’ martu

Il-Qorti talbet lil raġel mill-Mosta biex imur jippakkja ħwejġu skortat mill-Pulizija, jitlaq mid-dar matrimonjali u ma jersaqx ’l hemm.

Din l-ordni ngħatat wara li r-raġel, li għandu 44 sena, ġie akkużat li kien vjolenti ma’ martu u kkawżalha diversi tbenġil wara li din qaltlu biex itemmu ż-żwieġ tagħhom. Dan seħħ wara li ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel kien vjolenti magħha iżda qatt ma saru rapporti lill-Pulizija dwar dan. Il-koppja, li għandhom tlett itfal, kienu għaddejjin ukoll minn proċeduri ta’ separazzjoni.

Il-Qorti tat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,000 bil-kundizzjoni li ma jersaqx viċin ta’ martu.