Jintbagħat jaħdem 340 siegħa bla ħlas talli bagħbas meters tad-dawl

Ħaddiem tal-Enemalta li nstab ħati li bagħbas fil-meter tad-dawl intbagħat jaħdem 340 siegħa f’xogħol komunitarju.
Fil-Qorti nstema’ kif il-ħaddiem, Marvin Cucciardi ta’ 39 sena miż-Żurrieq, ma wera ebda rimors għall-fatt li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u dardar l-għajn li kienet tisqih.
Cucciardi kien ġie akkużat fl-2015 li flimkien ma’ Abraham Muscat minn Ħaż-Żabbar u Lewis Sant minn Ħad-Dingli għamlu ħsarat f’xi meters, heddew terzi persuni, aċċettaw li jixxaħħmu u abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom bħala ħaddiema fl-Enemalta.
Il-ħati kien inħareġ fuq pleġġ, u l-akkużi l-oħra dwar theddid waqgħu għax ma ntwerewx fatti suffiċjenti li jissustanzjawhom.
Madankollu Cucciardi f’Novembru li għadda kien ammetta l-akkużi l-oħra miġjuba kontrih.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset ukoll li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, ammetta l-akkużi u kellu kondotta nadifa qabel dan l-att.
Minbarra x-xogħol komunitarju bla ħlas, Cucciardi tefa’ taħt interdizzjoni perpetwa, iżda ma setgħetx tikkmanda lir-raġel iħallas lura lill-kumpanija dak li seraq, għax il-prosekuzzjoni ma ressqitx provi biex turi kemm insterqu.