Jintbagħat il-ħabs għal 9 snin talli pprova jimporta l-kokaina

Raġel li nqabad jimporta kilo kokaina sentejn ilu ngħata s-sentenza 9 snin u nofs ħabs, flimkien ma’ multa ta’ €23,000.

Il-Pollakk ta’ 25 sena ġie akkużat b’importazzjoni illegali u pussess aggravat tad-droga.

Huwa kien ġie arrestat malli wasal Malta wara li uffiċjali tal-Iskwadra tad-Droga u tad-Dwana sabulu 100 kapsula kokaina fuqu, li ammontaw għal 957 gramma tas-sustanza.

Erba’ xhur wara, l-akkużat irreġistra ammissjoni. Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, laqgħet l-applikazzjoni tiegħu. Il-propjetà tal-akkużat ġiet ikkonfiskata.

Huwa għandu jservi sentenza ta’ 9 snin u nofs ħabs, u jħallas multa ta’ €23,000. Il-Qorti ordnat li d-droga tinqered.