Jintbagħat 9 xhur ħabs 22 sena wara li seħħ il-każ

Read in English.

Raġel intbagħat il-ħabs għal disa’ xhur, 22 sena wara li nfetaħ il-każ fil-konfront tiegħu dwar traffikar tad-droga.

Il-Pulizija kienu wettqu rejd fid-dar ta’ Carmel Spiteri f’Ta’ Giorni fl-1997 wara suspett li kien qed jitraffika d-droga. Huma għamlu żmien josservaw lir-raġel li kien mifhum li kien traffikant tad-droga. Koppja kienet twaqqfet mill-Pulizija wara li telqu mid-dar tal-akkużat fejn fuqhom kienu nstabu żewġ pakketti ta’ sustanza suspettata kokaina u xi dokumenti oħrajn.

Aktar tard kienu saru tfittxijiet fid-dar tal-akkużat fejn instabet kaxxa li fiha kien hemm €6,000 fi flus kontanti u €480 f’ċekkijiet, muniti barranin u salib tad-deheb. Intant fil-ġnien tal-akkużat kien instab vażett mimli b’50 gramma kokaina. Hu kien qal li mhux ħati tal-vażett tad-droga.

Il-Maġistrat Ian Farrugia qal li l-każ kien ġie mgħoddi lill-Qorti fl-2013 u r-raġuni għaliex dam daqshekk ma jinqata’ kien minħabba nirien li kienu qabdu fil-Qorti fl-2004 fejn numru ta’ dokumenti kienu nqerdu. Minħabba f’hekk, kien hemm bżonn li dawn kollha jerġgħu jiġu mgħaqqda mill-ġdid.

Filwaqt li kkundanna d-dewmien, il-Maġistrat Farrugia qal li t-traffikar tad-droga hija kriminalità serja ħafna. Hu ġie mmultat ukoll €1,500.