Jintalbu jiksru l-liġi u jgħabbu 2 pazjenti fl-ambulanza

Ix-xufiera tal-ambulanzi qed jintalbu jagħmlu vjaġġi b’żewġ pazjenti mit-team leaders tagħhom hekk kif id-domanda għas-servizz tal-ambulanzi hija wisq għolja, meta kkumparata ma’ kemm hemm ħaddiema u riżorsi fil-garaxx tal-ambulanzi.

Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt ħaddiem inniffsu li sostna li minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema fil-garaxx tal-ambulanzi, kif ukoll il-ħsarat kbar li qed ikollhom fl-ambulanzi nnifishom, qed jispiċċaw b’ħafna xogħol b’lura. Spjega li min jitlob għas-servizz tal-ambulanza ġieli qed jispiċċa jistenna mat-30 minuta, u xi kultant, meta s-sitwazzjoni fil-garaxx tkun waħda fqira anke jdumu aktar minn siegħa. “Aħna nkunu l-ewwel li niltaqgħu ma’ dawn il-pazjenti u aħna nidhru koroh, lejna jippuntaw,” irrimarka s-sors.

Spjega li skont ir-regoli tal-emerġenza, f’kull vjaġġ ma jistax ikollok iktar minn pazjent wieħed speċjalment minħabba l-protezzjoni tal-informazzjoni dwar persuni. Għaldaqstant biex ilaħħqu max-xogħol u l-pazjenti ma jitħallewx jistennew jispiċċaw jagħmlu vjaġġi anke b’żewġ pazjenti fuq ordnijiet tas-superjuri tagħhom.

“Lid-dipartiment tagħna abbandunawh”

Il-ħaddiem sostna li d-dipartiment tal-garaxx tal-ambulanzi ġie abbandunat, u dan huwa inkwetanti speċjalment meta wieħed jirrealizzi li ħafna persuni vulnerabbli u ħajjiet jiddependu qatta’ bla ħabel fuqu.

Spjega kif propju llum, il-garaxx qed jopera b’sebgħa ambulanzi minflok disgħa għax m’hemmx nies biżżejjed biex jaħdmu minħabba li hemm xi persuni bis-sick u oħrajn bil-leave. Spjega wkoll kif fl-aħħar xhur telqu żewġ persuni għax ħarġu bil-pensjoni u l-post tagħhom qatt ma ntela.

Sostna li dipartimenti oħrajn tal-Gvern kollha ġew attrezzati b’vetturi ġodda biex jittejjeb is-servizz, iżda l-garaxx tal-ambulanzi baqa’ abbandunat. Irrimarka kif propjament fil-garaxx tal-ambulanzi hemm total ta’ 13-il ambulanza, spjega li waħda minnhom ma tistax tintuża għax għandha ħsara rriparabbli u tlieta oħra li huma l-aktar ambulanzi antiki jintużaw meta jkun hemm ħsarat fl-ambulanzi attivi.

Is-sors irrakkonta wkoll il-kundizzjonijiet tal-garaxx inniffsu fejn sostna li l-ħaddiema jkollhom jaħdmu f’containers mitluqin. Spjega kif ma ftit xita, jgħerqu u saħansitra l-ilma jibda nieżel mas-sistema tal-air conditioning, sitwazzjoni li sostna tista’ saħansitra tkun ta’ periklu għal saħħithom.

“Il-kundizzjonijiet mal-maniġer għadhom l-istess”

Meta mistoqsi dwar jekk itjibitx is-sitwazzjoni mal-maniġer li qed jiġi akkużat b’ibbuljar u theddid tal-ħaddiema, is-sors ta’ Newsbook.com.mt sostna li kien hemm ftit li xejn tibdil. Irrimarka li minkejja li kienet saret inkjesta dwar dan, il-maniġer xorta għadu impjegat fid-Dipartiment u sostna li “qishom ma jridux ineħħuh”. L-allegazzjonijiet dejjem kienu jippuntaw li l-maniġer in kwistjoni għandu rabtiet ma’ awtoritajiet fil-Gvern.