Jintalab ruling ieħor dwar il-kuntratt ta’ Mizzi mal-MTA

S’issa tħallsu €1.1 miljun għall-kuntratt tal-Manchester United

Jerġa’ jintalab ruling fuq il-kuntratt tal-eks Ministru Konrad Mizzi mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, wara li l-ġimgħa li għaddiet, Farrugia qal li l-Kumitat tal-Kontiijiet Pubbliċi (PAC) jista’ jqabbad lill-Awditur Ġenerali jagħmel rapport dwar dan il-kuntratt, liema kuntratt imbagħad jista’ jkun diskuss waqt il-laqgħat tal-PAC.

Bedingfield qal li ma jridx imur kontra r-ruling tal-ispeaker u għalhekk saret oġġezzjoni għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar dan il-kuntratt. Hu stqarr li jekk l-ispeaker ma jsib l-ebda oġġezzjoni, hu lesta li jiddiskutih.

Min-naħa tiegħu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Oppożizzjoni ma kinitx qed tmur kontra r-ruling tal-ispeaker peress li l-mistoqsijiet kollha kienu dwar ir-rapport finanzarju tal-MTA li jinsab quddiem l-istess kumitat. Stqarr li l-kuntratt ta’ Mizzi sar fl-istess sena finanzjarja li qed tiġi diskussa fil-PAC.

Beppe Fenech Adami qal li l-membri tal-Gvern ma sabu l-ebda oġġezzjoni għall-mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-Manchester United u l-ispejjeż li ntefqu fuq l-attività Fairyland li saret fi żmien il-Milied fi Pjazza Tritoni, iżda oġġezzjona għal mistoqsijiet fuq il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi minkejja li l-istess Gvern stqarr li Mizzi ma tħallasx. Farrugia qal li kien qed jagħti ruling f’seduta oħra.

Intant waqt il-PAC, ħareġ li l-Financial Controller tal-MTA Brian Azzopardi stqarr li ma kien jaf b’xejn dwar il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi. Azzopardi żvela li s’issa tħallsu €1.1 miljun fl-ewwel sitt xhur għal kuntratt tal-Manchester United. Huwa qal li ma kienx involut fin-negozjati tal-kuntratt tal-Manchester United għax fuqu hemm strutturi oħra.