Jintalab ruling dwar posponiment tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi

Il-Ministru għall-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi talab ruling tal-iSpeaker dwar il-posponiment fl-aħħar minuta u bla konsultazzjoni tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.
Bonniċi spjega li huwa kien imħarrek bħala xhud quddiem dan il-Kumitat, iżda meta wasal biex jibda jagħti x-xhiedha tiegħu, is-Segretarja tal-Kumitat informatu li ċ-Chairperson Tonio Fenech infurmaħ li laqgħa ġiet posposta għal data oħra. Dan kien konfermat ftit wara permezz ta’ emejl. Dan sar mingħajr konsultazzjoni man-naħa tal-Gvern.
Il-Whip tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li Fenech kellu struzzjonijiet min-naħa tiegħu, bħala Whip, biex b’mod urġenti jattendi għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Qal ukoll li posponiment simili seħħ ukoll f’kumitat ieħor li kellu jiltaqa’ llum ukoll u din id-darba li kellu jkun immexxi minn deputat min-naħa tal-Gvern.
Fenech fakkar li huwa nforma dwar il-posponiment tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi “bħala kortesija”, għaliex proċeduralment l-Oppożizzjoni setgħet sempliċiment ma attendietx u fid-dawl tal-fatt li l-Kumitat irid ikun immexxi minn deputat tal-Oppożizzjoni, il-laqgħa kienet taqa’ .