Jinsterqu żewġ Greater Flamingos mir-riserva naturali tal-Għadira

BirdLife Malta dalgħodu sejħet l-assistenza tal-pulizija wara li l-warden tar-riserva naturali tal-Għadira nduna li matul il-lejl xi persuni daħlu fir-riserva u serqu żewġ Greater Flamingos.
Għadd ta’ wardens imbagħad għamlu spezzjoni fuq il-post biex ifittxu l-evidenza. Huma rnexxielhom isibu ħaxix mgħaffeġ u sinjali taż-żraben li wasslu għal ċint għoli tliet metri. Sabu wkoll l-injama li ntużat biex il-persuni daħlu fil-post.
Minkejja dan, ħadd m’għadu jaf fejn qegħdin iż-żewġ Greater Flamingos. Il-flamingos, li kienu popolari ferm mat-turisti, tpoġġew fir-riserva f’Settembru tas-sena l-oħra wara li ntilfu minn mal-qatgħa tal-għasafar waqt li kienu qed jemigraw is-sajf li għadda.
BirdLife Malta qed tappella lill-membri tal-pubbliku biex jekk jafu b’xi informazzjoni dwar dan l-inċident iċemplu lill-pulizija fuq 119 jew inkella lil BirdLife Malta fuq 21347644.

Xerred dan l-artiklu fuq Facebook biex il-pulizija jirnexxielha ssib lil min daħal fir-riserva naturali tal-Għadira fl-iqsar żmien possibbli.