Jinsterqu aktar karozzi mill-parkeġġ ta’ Mater Dei

Sorsi qrib l-Isptar Mater Dei qalu ma’ Newsbook.com.mt li fl-aħħar ġimgħa reġgħu nsterqu aktar karozzi ta’ infermiera mill-parkeġġ tal-isptar. Insterqet ukoll batterija ta’ karozza.
Dwar dan, l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN sostniet li wara sitt xhur minn meta sar serq mill-karozzi ta’ infermiera mill-parkeġġ, is-sitwazzjoni għadha l-istess.  Spjegat li għall-kuntrarju ta’ dak li kien imwiegħed, fil-parkeġġ għadhom ma ġewx installati kameras tas-sigurta’, u l-parkeġġ lanqas mhu qed jiġi ssorveljat biex il-pubbliku ma jipparkjax fl-ispazju tal-impjegati tal-isptar.
L-MUMN tinsab imħassba dwar meta ssir il-migrazzjoni għall-isptar il-ġdid tal-onkoloġija, minħabba li għad m’hemm l-ebda ftehim dwar spazji ġodda ta’ parkeġġ għal dan l-isptar.
Barra minn hekk l-istess unjin qed tisħaq li aktar mhu importanti li l-infermiera u l-qwiebel jidħlu għax-xogħol fil-ħin, m’għandhomx spazji riservati bħal maniġment tal-isptar.