ĊAJTA: Jinsteraq is-sejf ta’ La Vallette

Kienet biss ċajta li s-sejf ta’ La Vallette li wasal Malta aktar kmieni dan ix-xahar, insteraq matul il-lejl li għadda mill-mużew fejn kien qed jiġi esebit fil-Belt Valletta.
Kelliema għall-Pulizija kkonfermat l-aħbar, madanakollu ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti iktar dettalji.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt, li dan jista’ jkun tentattiv minn grupp anonimu fuq Facebook, li twaqqaf riċentament bil-għan li s-sejf jibqa’ Malta.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ sgass mal-bieb ewlieni tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Hu mifhum li kienu l-uffiċjali tas-sigurtà li ndunaw b’dak li kien ġara, xħin daħlu għax-xogħol u sabu l-ħġieġa mkissra.
Minn informazzjoni li ħarġet din il-ġimgħa fil-Parlament, irriżulta li Heritage Malta se tkun nefqet madwar €32,000 biex is-sejf inġieb Malta. L-ikbar spiża, dik ta’ madwar €20,000 hija għax-xiri ta’ materjali varji użati biex tittella’ l-wirja.  Il-vjaġġ tas-sejf innifsu sewa madwar €7,000.
Is-sejf reġa’ sab ruħu f’Malta wara aktar minn 200 sena fil-Mużew Louvre f’Pariġi, fi Franza. Il-pjan kien li s-sejf jibqa’ f’Malta sad-9 ta’ Lulju.
Dan wara ħidma li bdiet fl-2013 f’laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu f’Pariġi.
Is-sejf, flimkien ma’ xabla ngħataw lill-Gran Mastru La Vallette bħala rikonoxximent għar-rebħa tal-Assedju l-Kbir.