Jinstallawlu programm kontra l-pornografija; it-tfal xorta raw

Konsumatur ingidem wara li kien ħallas kumpanija €49 biex jiġi installat programm sabiex ma tkunx tista’ titniżżel il-pornografija, minħabba li l-kompjuter tiegħu kien qed jintuża minn persuni taħt l-età.
Dan tħabbar mid-Direttur Ġenerali fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta  għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Fl-istqarrija ntqal kif wara li ġie installat il-programm u l-konsumatur ħallas, il-kompjuter baqa’ jaħdem b’tali mod li dan il-materjal seta’ jitniżżel.
Ġie sostnut li l-klijent kellem lil min għamel l-installazzjoni iżda xorta ma ngħatax rimedju.
Jidher li r-rappreżentant tal-kumpanija ma deherx għas-seduta, minkejja li kien ġie notifikat bl-Avviż tat-Talba, id-data u l-ħin tas-smiegħ. Intqal ukoll li hu ma ssottomettiex risposta bil-miktub għal din it-talba.
Għal din ir-raġuni, l-awtorità identifikat u għarrfet lill-pubbliku li l-kumpanija 3 Repairs/3 Group ma onoratx id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.
 Il-kumpanija ġiet ordnata tħallas lill-konsumatur €49, bl-ispejjeż.