Jinstabu tfal misruqa fi New Mexico; 11 ħajjin; 1 mejjet

Reuters

L-Awtoritajiet fi New Mexico sabu l-fdalijiet ta’ tifel żgħir ġewwa l-kamra fejn il-ġimgħa l-oħra nstabu wkoll 11-il tifel u tifla wara tfittxijiet fuq il-post.

Minkejja li l-awtopsja fuq it-tifel għadha mhix konkluża, il-fdalijiet hemm ċans kbir li huma tat-tifel ta’ 3 snin li ġie rrapurtat nieqes mid-dar tiegħu f’Atalanta. Ir-rapport tat-tifel wassal sabiex jinstabu t-tfal l-oħra nhar il-Ġimgħa.

Il-kamra fejn instabu hija mgħottija minn numru ta’ tires u ħitan tal-injam u tinsab fil-periferija tal-komunità rurali ta’ Amalia fi New Mexico.

Is-sit kien ilu taħt sorveljanza mill-Federal Bureau of Investigations għal żmien twil bħala parti mit-tfittxijiet għat-tifel irrappurtat nieqes. Ix-Sheriff irnexxielu jġib permess sabiex ifittex fil-post wara li investigaturi rċevew messaġġ anonimu li qalilhom li t-tfal li kienu qed jgħixu fil-kamra kienu qed imutu bil-ġuħ.

Il-11-il tifel u tifla li ħarġu mill-kamra ħajjin ittieħdu mill-awtoritajiet ikkonċernati mill-ħarsien tat-tfal fl-istat.

Tista’ taqra aktar dwar dan minn hawn.