Jinstabu partijiet li jaf huma mill-ajruplan li kien fuqu Sala

REUTERS/Stephane Mahe

Żewġ partijiet mis-siġġijiet tal-ajruplan li potenzjalment kien fuqu l-futboler Emiliano Sala nstabu fuq bajja Franċiża skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit.

Euronews irrapporta kif l-attakkant Arġentin u l-pilota tal-ajruplan żgħir li kien sejjer lejn ir-Renju Unit ilhom neqsin min-nhar it-Tnejn li għadda meta t-titjiera tagħhom lejn Cardiff sparixxiet minn fuq ir-radar.

L-Air Accidents Investigation Branch (AAIB) qalet li saret taf mill-kontroparti Franċiża tagħha li parti mis-siġġu tal-ajruplan instabet fuq bajja viċin Surtainville fit-Tramuntana ta’ Franza. Parti oħra ta’ siġġu mbagħad instabet fl-istess żona aktar tard dakinhar skont l-awtoritajiet Brittanniċi.

Intqal ukoll li mill-eżaminazzjonijiet preliminari qed jingħad li dawn jappartjenu lill-ajruplan li huwa nieqes. Minn hawn, l-awtoritajiet bdew aktar tfittxijiet fil-baħar tal-madwar u l-qiegħ tal-baħar qed jiġi investigat minn apparat speċjalizzat.