Jinstabu oqbra b’166 ġisem fil-Messiku

L-iġsma ta’ minn tal-inqas 166 persuna instabu fl-istat ta’ Veracruz fil-Messiku. Dan tħabbar minn prosekuturi li spjegaw li din mhix l-ewwel darba li kien hemm sejba tat-tip fil-Lvant tal-pajjiż.

L-avukat tal-istat, Jorge Winckler qal li investigaturi sabu l-iġsma f’total ta’ 32 oqbra differenti fiċ-ċentru tal-istat wara li fit-8 ta’ Awwissu, pesuna mhix identifikata qalet li kienet intefgħet f’wieħed mill-oqbra. Veracruz ilha għal snin twal mgħaddsa fil-kriminalità u tintuża b’mod speċjali minn gangs tad-droga bħala mezz ta’ traffikar ta’ narkotiċi lejn l-Istati Uniti.

Fit-tfitxxijiet tagħhom sabu wkoll mal-200 tip ta’ ħwejjeġ, 114 oġġetti ta’ identifikazzjoni u xi aċċessorji u oġġetti personali. Mill-analiżi li saret s’issa fuq il-fdalijiet jidher li l-iġsma kien ilhom hemm madwar sentejn. Winckler talab sabiex dawk il-familji li għandhom persuni li ġew nieqsa jmorru għand il-Pulizija biex jgħaddu minn testijiet tad-DNA u jibdew jiġu identifikati l-persuni.

Lura fl-2017, Winckler kien ħabbar is-sejba ta’ aktar minn 250 skeletru f’bosta oqbra mhux identifikati fl-istess stat.