Jinstabu oġġetti prezzjużi misruqa ta’ Gina Lollobrigida

Il-Pulizija Taljana b’kumbinazzjoni sabet oġġetti prezzjużi misruqa mill-villa tal-attriċi leġġendarja Gina Lollobrigida. Kollox beda meta ġirien ċemplu lill-Pulizija f’Ruma għax kien hemm ġlieda għaddejja fil-bini tal-appartamenti tagħhom. Dawn qalu li fil-ġlieda f’appartament ta’ raġel u mara setgħu jintużaw xi pistoli.

Meta l-Pulizija daħlu fil-post bdew mill-ewwel ifittxu għall-pistoli. Iżda minflok pistoli sabu xkora sħiħa mimlija b’midalji, arloġġi, pinen tal-fidda u ġiżirajjen tal-perla. Kien hemm ukoll kollezzjoni ta’ bolol li fihom kienet tidher Gina Lollobrigida u xi muniti rari mir-Repubblika ta’ San Marino.

Il-Pulizija interrogat lis-sid tal-appartament dwar din l-ixkora. Ir-raġel, bennej ta’ 33 sena, qal li dan l-aħħar kien għamel xi xogħol fil-villa tal-attriċi. Huwa ddikjara li kien ingħata l-oġġetti minflok il-ħlas mill-attriċi. Dan inċaħad kollox minn Gina Lollobrigida,  li għandha 92 sena, li kkonfermat li l-oġġetti kienu kollha tagħha. Ir-raġel ġie arrestat u nżamm taħt arrest filwaqt li l-oġġetti ngħataw lura  lill-attriċi.

Magħrufa fl-Italja bħala “La Lollo”, Gina Lollobrigida kienet waħda mill-ikbar stilel ta’ Hollywood bejn l-1950 u l-1970. Wieħed mill-suċċessi kbar tagħha kienet il-produzzjoni tal-1955 La Donna Più Bella del Mondo. Dehret ukoll f’kummiedji romantiċi ma’ atturi kbar bħal Errol Flynn, Burt Lancaster u Tony Curtis. Ta’ spiss kienet imqabbla ma’ żewġ attriċi Taljani oħra ta’ dik l-epoka, Sophia Loren u Claudia Cardinale.

Wara li rtirat bdiet karriera fl-iskultura u l-fotografija u kienet involuta f’kawżi umanitarji bħala rappreżentanta speċjali għall-Fond tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti.