Il-bniedem ivvinta l-gwerra qabel il-biedja

Fil-Kenja nstabu l-fdalijiet ta’ 27 katavru, inkluż sitt itfal u tmien nisa, waħda minnhom tqila, li nqatlu b’daqqiet ta’ xi ħaġa tqila li kisritilhom il-qorriegħa mbagħad intrabtu u ntremew.
Oħrajn kellhom idejhom jew għarkupptejhom miksura, oħrajn feriti ta’ xi ħaġa bil-ponta bħal vleġeġ.
B’deskrizzjoni hekk wieħed jista’ jaħseb f’xeni mis-Sirja bħalissa inkella mill-Medju Evu, imma l-fdalijiet li nstabu huma ferm eqdem.
Imorru lura bejn 9,500 sena u 10,500 sena Qabel Kristu u juru li l-gwerer u l-ġlied ilhom jeżistu saħansitra qabel ma’ l-bniedem tgħallem jaħrat l-art biex ikabbar l-ikel.
Is-sejba straordinarja saret waqt riċerka mill-Università ta’ Cambridge, ippubblikata issa fir-riviżta Nature, u hi l-iktar prova antika ta’ gwerra.