Jinstabu l-fdalijiet tagħha 50 sena wara li għebet

Fi New York għadhom kemm instabu l-fadlijiet ta’ mara li sparixxiet mill-komunità tagħha aktar minn 50 sena ilu.
F’Ottubru tal-1966, Louise Pietrewicz, li kellha 38 sena, għalqet il-kont tal-bank tagħha u telqet minn Long Island mal-għarus tagħha, li kien uffiċjal tal-Pulizija bl-isem ta’ William Boken.
L-għadam ta’ Pietrewicz instabu ġimgħatejn ilu midfuna taħt dar f’Long Island li kienet ta’ Boken, li miet 1982.
Wara li gazzetta ppublikat artiklu rriċerkat sew dwar il-każ flimkien ma’ dokumentarju, reġa’ qam interess fuq il-każ tal-mara tant li reġa’ nfetaħ il-każ f’Ottubru li għadda.
L-Erbgħa li għadda, wara li eżaminatur mediku identifika l-fdalijiet u ħa numru ta’ samples tad-DNA mill-familjari tal-mara, sab li l-għadam kienu ta’ Pietrewicz.
Bint Pietrewicz, Sandy Blampied, qalet li għadha tiftakar ċar l-aħħar darba li rat lil ommha meta kellha biss tnax-il sena, dakinhar li għall-aħħar darba wasslitha sabiex taqbad it-trasport għall-iskola.
Ma’ ġurnali barranin, Blampied sostniet li minn dejjem kienet taf li ommha ma kinitx se taqbad u titlaqha ħabta u sabta.
Ritratt: Suffolk County Times