Jinstabu iżjed katavri mill-bastiment li għereq qrib it-Tuneżija

Reuters

Instabu iżjed katavri minn bastiment bl-immigranti li għereq qrib ix-xatt Tuneżin il-ġimgħa li għaddiet. In-numru ta’ nies mejtin b’hekk għola għal 72 f’dan id-diżastru li hu maħsub li wassal għall-mewt ta’ 80 persuna.

Dan qalitu assoċjazzjoni umanitarja Tuneżina bl-isem Tunisian Red Crescent nhar il-Ġimgħa.

Aqra: Aktar minn 80 immigrant maħsuba mejta barra mill-kosta Tuneżina

Il-bastiment għereq wara li salpa mill-port ta’ Zarzis. Skont rapporti, id-dgħajsa nqelbet u rnexxielhom isalvaw erba’ persuni biss. Dawn ittieħdu l-isptar, fejn wieħed mill-persuni li rnexxielhom isalvaw mill-għarqa miet ftit tal-ħin wara.

It-tlieta li rnexxielhom isalvaw qalu li telqu minn Zuwara fil-Libja u li abbord kien hemm 86 persuna.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Proġett tal-Immigranti Neqsin qed iqis li madwar 862 immigrant mietu fil-Mediterran fl-2019 s’issa.