Jinstabu iġsma ta’ aktar minn 100 persuna fosthom tfal f’belt Libjana

Read in English.

Iġsma ta’ tfal kienu fost dawk li nstabu fil-belt ta’ Tarhouna wara li l-forzi bbażati fil-Lvant u l-alleati tagħhom irtiraw minnha aktar kmieni dan ix-xahar. Dan sostnewh uffiċjali tas-Salib l-Aħmar u l-Gvern ta’ Tripli fis-sigħat li għaddew.

L-evidenza ta’ dak li gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem iddeskrivew bħala possibbilment kriminalità tal-gwerra nstabet hekk kif iċ-ċentru tal-ġlied fil-gwerra Libjana issa ċċalaq, fattur li wassal biex eluf ta’ persuni ċivili kellhom jaħarbu minn darhom. Dan filwaqt li tħallew bosta landmines moħbija f’żoni residenzjali.

Il-Gvern ta’ Unità Nazzjonali (GNA), rikonoxxut mill-komunità internazzjonali, rebaħ lura l-belt ta’ Tarhouna, fix-Xlokk ta’ Tripli, fil-5 ta’ Ġunju, wara li offensiva min-naħa tal-Armata Nazzjonali Libjana (LBA) biex din tirbaħ il-kapitali falliet.

Il-forzi tal-GNA sabu 106 ġisem fl-isptar u persuni mill-post sabu tmien oqbra tal-massa madwar il-belt. Dan wassal biex in-Nazzjonijiet Uniti talbet investigazzjoni urġenti.

Faisal Jalwal, kelliem għas-Salib l-Aħmar fil-Libja, qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġew identifikati 29 mill-iġsma li nstabu fl-isptar, u dawn kienu jinkludu nisa u tfal.

Kamal Al-Siwi, kap ta’ uffiċċju responsbbli mit-tfittxija ta’ persuni mitlufa qal li madwar 10 iġsma nstabu taħt l-art f’waħda minn tmien oqbra tal-massa li nstabu.

Għal snin twal, Tarhouna kienet taħt il-kontroll ta’ familja lokali, Kani, u l-grupp armat tagħha, li kien magħruf bħala Kaniyat, li bidel il-lealtà tiegħu waqt il-kaos tal-gwerra ċivili Libjana. Din il-belt serviet ta’ bażi importanti għal-LNA waqt l-attakk fuq Tripli u l-Kaniyat iġġieldet spalla ma’ spalla mal-LNA fin-naħa t’isfel ta’ Tripli.

Nasser Ghaita, uffiċjal tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-GNA, qal li nħarġu 23 mandat ta’ arrest dwar il-każ, u ntalbet ukoll l-għajnuna teknika tan-N.U. Il-GNA sostniet li “familji sħaħ” kienu ntlaqtu.

L-LNA ċaħdet li l-forzi tagħha kienu responsabbli għall-iġsma misjuba fl-oqbra tal-massa u talbet lin-Nazzjonijiet Uniti tinvestiga rapporti ta’ vjolazzjonijiet imwettqa mill-forzi ta’ favur il-GNA f’Tarhouna.