Jinstabu fdalijiet ta’ ajruplan u ta’ bagalja…aktarx tal-MH370

Jinħtieġu jumejn biex tiġi analizzata l-parti minn ajruplan li spiċċat ittellgħet mill-baħar fuq xtajta fuq il-gżira Franċiża ta’ Réunion, fl-Oċean Indjan, li ħafna qed iqisu, b’ottimiżmu kawt, li aktarx hi fdalijiet mill-ajruplan MH370 tal-Malaysia Airlines li għeb waqt li kien qed itir fl-inħawi f’Marzu tal-2014.
L-esperti tal-avjazzjoni s’issa qed iqisu li l-biċċa mill-ajruplan li ttellgħet fuq ix-xtajta, tixbaħ ħafna partijiet ta’ Boeing 777, kif kien l-ajruplan li għosfor.
Issa jridu jsiru t-testijiet formali li jikkonfermaw jew le jekk din hix fil-fatt parti mill-ajruplan tat-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ kważi 240 persuna.
L-ajruplan MH370 hu l-uniku wieħed li għeb waqt li kien qed itir fuq oċean.
L-Awstralja qed tmexxi l-ħidma bit-tama li jinstabu fdalijiet f’qiegħ il-baħar, li qed jikkonċentraw fuq firxa kbira fl-Oċean Indjan, mal-4,000 kilometru bogħod mill-gżira ta’ Réunion.
Ġurnal partikolari tal-gżira Franċiża, kif irrappurtat anke f’ġurnali Awstraljani, qed jgħid li qrib il-fdalijiet tal-ajruplan instabet ukoll dik li tidher qisha fdalijiet ta’ bagalja li nstabet inqas minn 24 siegħa wara l-ewwel sejba.