Jinstabu eluf ta’ sigaretti tal-kuntrabandu f’bar u garaxx f’Ħaż-Żabbar

Uffiċjali tad-Dwana sabu 8,200 sigaretti tal-kuntrabandu f’bar u garaxx f’Ħaż-Żabbar.

Fi stqarrija, id-Dwana qalet li s-sejba saret illum wara xhur ta’ sorveljanza. Illum saret spezzjoni tal-bar, tal-vettura tas-sid, u tal-garaxx tas-sid. Il-Pulizija tal-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar kienu involuti fil-ħidma tal-awtoritajiet.

Is-sigaretti ġew elevati sakemm isiru l-investigazzjonijiet. Id-Dwana qalet li fl-aħħar jiem total ta’ 15,420 sigaretti tal-kuntrabandu ġew elevati f’erba’ każijiet separati.

Id-Dipartiment qal ukoll li out of court settlements għall-bejgħ jew konsum ta’ sigaretti tal-kuntrabandu jibdew b’multa minima ta’ €1,500. Il-penali tal-qorti jvarjaw minn €3,500 sa €25,000.