Jinstabu armi fil-ħabs ta’ Kordin

DOI - Pierre Sammut

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li fl-aħħar sitt ġimgħat saru tfittxijiet f’Kordin li fihom instabu armi magħmula mill-priġunieri matul is-snin.

Fi stqarrija, Farrugia qal li it-tfittxijiet saru f’diversi divisions u common areas fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Qal li dawn l-armi jistgħu faċilment jweġġgħu lill-priġunieri u lill-uffiċjali. Żied jgħid li dawn it-tfittxijiet estensivi mhux se jiefqu.

Farrugia qal li l-kameras se jiġu upgraded, kif ukoll se jinxtraw body scanners li huma mgħammra b’teknoloġija avvanzata. Dan sabiex tiżdied is-sigurtà u jonqsu l-oġġetti projbiti ġewwa l-Faċilità. Ħabbar li se jkun hemm bidliet fl-istruttura tal-immaniġjar. Dalwaqt se jibda jaħdem bord ta’ governanza.

Fi ftit ġimgħat se jkun qed jinbidel l-ikel servut. Il-priġunieri se jkollhom l-opportunità li jingħataw taħrig relatat mat-tisjir u wara li jtemmu s-sentenza tagħhom joħorġu b’ċertifikat li jgħinhom isibu impjieg. Il-Ministru qal ukoll li qed jaħdem biex jiżdied il-ħlas li jingħataw ir-residenti tal-Faċilità għax-xogħol li jwettqu.

Flimkien mad-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Korrettivi, il-Kurunell Alexander Dalli, Farrugia ppreżenta ċertifikati ta’ rikonoxximent lil ħames uffiċjali tal-Faċilità li rtiraw wara 25 sena servizz.