Jinstabu 215-il flixkun inbid tal-kuntrabandu f’ristorant f’Marsamxett

Uffiċjali tad-Dwana sabu 215-il flixkun tal-inbid tal-kuntrabandu f’ristorant fil-Port ta’ Marsamxett.

Fi stqarrija, id-Dipartiment tad-Dwana qal li wara ġimgħat ta’ investigazzjoni minn Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Infurzar u minn Spetturi tat-Taxxa mill-Compliance & Investigations Directorate tad-Dipartiment tat-Taxxa fi tmiem il-ġimgħa saret spezzjoni fir-ristorant.

Skont l-awtoritajiet, id-sid tar-ristorant kien qed idaħħal hu jew jixtri mingħand xi ħadd li kien qed idaħħal kwantita’ ta’ inbejjed f’Malta, uħud minnhom ta’ kwalita’ għolja ħafna u li jiswew il-flus, mingħajr ma jħallas it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, kif ukoll id-Dazju tas-Sisa.

L-awtoritajiet qalu li l-kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tad-Dwana u d-Dipartiment tat-Taxxi se tkompli tieħu dimensjoni akbar, hekk kif se jiżdiedu l-ispezzjonijiet.