Jinstabu 120 oġġett tal-ajruplan li għosfor

Żvilupp fil-każ tal-ajruplan li għeb hekk kif ritratti meħuda nhar il-Ħadd li għadda mis-satelliti juru aktar minn 120 oġġett li jistgħu jkunu tal-ajruplan.

Uħud mill-oġġetti għandhom tul ta’ 23 metru, oħrajn għandhom kulur li jgħajjat.  L-oġġetti ntlemħu fl-istess żona tal-Oċean Indjan, madwar 2,500 kilometru ‘l barra mill-belt Awstraljana ta’ Perth.

L-Aġent Ministru Malesjan għat-Trasport qal li dawn ir-ritratti se jkomplu jgħinu fil-ħidma ta’ tfittix għall-239 persuna li kienu abbord l-ajruplan.  L-ajruplan sparixxa minn fuq kull radar fit-8 ta’ Marzu li għadda wara siegħa li telaq mill-ajruport ta’ Kuala Lampur għal dak ta’ Beijing.