Jinstab skeletru waqt xogħlijiet fil-Birgu

Waqt xogħol li qed isir biex titqiegħed sistema ġdida ta’ dawl fil-Birgu, instab skeletru kif ukoll xi għadam, li possibilment imorru lura għal żmien il-Kavallieri.
Newsbook.com.mt hu infurmat li l-għadam instab qrib il-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu, f’art tal-Knisja.
L-amministrazzjoni tal-Parroċċa waqqfet milli jkompli t-tħaffir sakemm isir l-istħarriġ meħtieġ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, li bagħtet l-arkeologu tagħha fuq il-post.
Ix-xogħol qed isir kollu bil-permess tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Intant, l-ewwel għadam, li nstab nhar il-Ġimgħa, ġie kkatalogat mill-arkeologu.
Newsbook.com.mt qed jistenna tweġibiet mis-Sovrintendenza tal-Wirt Storiku.