Jinstab qattus imqaxxar ħaj fl-Imdina

Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u l-Pulizija qed jaħdmu sabiex jidentifikaw il-persuna li jumejn ilu qaxxret ħaj qattus fl-Imdina, limit tar-Rabat.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, qal fi stqarrija li jiddeplora dan l-att kriminali, u enfasizza li se ssir ġustizzja.
Sadanittant il-pubbliku mitlub biex min għandu xi informazzjoni dwar il-każ jgħaddiha, anke b’mod anonimu, lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali billi jċempel fuq in-numru 1717.
Din it-tip ta' moħqrija kiefra fuq l-annimali mhux l-ewwel darba li ġrat.
Tliet snin ilu għadd ta' qtates u klieb imsallbin fl-istess inħawi tar-Rotunda fil-Mosta xxukkjaw il-pajjiż.
Dakinhar il-Pulizija kienet ilha tinvestiga qtil simili fil-Mosta għal tliet snin, wara li f'Ottubru tal-2011 instab kelb imsallab rasu 'l isfel mal-bieb tar-remissa ta' Franġisku Buhagiar. 
Buhagiar kien weħel 10 snin ħabs wara li fl-istess remissa kien qatel lil oħtu minħabba argument li żviluppa fuq biċċa ħobż mixwija żżejjed.
Ir-raġel li kien instab ħati fl-2014 ma kellu x'jaqsam xejn ma' Buhagiar.
Minn ittra li nstabet fl-intern ta' wieħed mill-qtates imsallbin, kien instab li r-raġel kien qed isofri minn dwejjaq kbir minħabba li wara 48 sena kien għadu ma sabx mara li ferrħitu. Kien kiteb li minflok sab waħda li għamlitlu ħajtu infern. Hu kien iddeċieda li joħodha kontra Alla u l-ilsien ħażin tan-nies.
L-ewwel każ ta’ annimal imsallab imur lura għas-16 ta’ Ottubru 2011.  Minn dakinhar sal-2014 b’kollox kienu nqatlu u ssallbu 13-il annimal: 3 iklieb u 10 iqtates.