Read in English.
Qabar puniku, li kien fih ukoll skeletru u xi fuħħar, ġie skopert fiż-Żejtun f’żona fejn kien mistenni li jsir xi żvilupp.
Permezz ta’ post fuq Facebook, is-Superintendenza għall-Wirt Kulturali spjegat li s-sejba saret il-ġimgħa li għaddiet mill-Heritage Data Management and Research Unit.
L-art li kienet ippjanata għall-iżvilupp tinsab viċin ħafna ta’ oqbra oħrajn li nstabu aktar kmieni fi Triq tal-Barrani. Fil-qabar kien hemm xaft maqtugħ fil-blat u qabar li kien issiġillat b’ċangatura. Fil-qabar instab skeletru flimkien ma’ xi fuħħar.
Is-Superintendenza spjegat li fil-ġimgħat li ġejjin, osteoloġisti se jkunu qed jistudjaw l-iskeletru biex jaraw jekk dan hux ta’ mara jew raġel, l-età tal-persuna meta mietet u jekk il-mewt kienx ikkawżat minn xi marda, fost l-oħrajn. Intant, arkeoloġisiti se jkunu qed jistudjaw il-fuħħar biex jaslu għal ħjiel aktar ċar ta’ meta saret id-difna.
Il-qabar kien dokumentat u se jkun qed jiġi protett permezz tal-Att dwar il-Wirt Kulturali tal-2019. Hu se jkun qed jitniżżel fl-Inventorju Nazzjonali biex ikompli jżid mal-informazzjoni li tista’ twassal biex wieħed jifhem il-pajsaġġ arkeoloġiku taż-żona.