​Jinstab mill-Pulizija l-pazjent li ma rritornax f’Monte Karmeli

Il-Pulizija sabet lill-pazjent li kellu l-permessi neċessarji biex joħroġ mill-Isptar Monte Karmeli nhar it-Tlieta filgħodu, iżda li baqa’ ma rritornax lejn l-isptar.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-pazjent instab ilbieraħ, u issa jinsab lura fl-Isptar Monte Karmeli.
Huwa kellu permess biex joħroġ biex jagħmel il-qadi personali tiegħu.
Nhar it-Tlieta, ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li mhux veru li l-pazjent ħarab mill-isptar. Żiedet tgħid li dwar il-każ sar rapport fl-Għassa tal-Ħamrun.
L-Isptar Monte Karmeli ta’ spiss qiegħed ikun fiċ-ċentru tal-kontroversja. It-Tlieta wkoll, seħħ argument bejn pazjenti fl-isptar, li ġie kkontrollat f’ħin qasir mill-istaff tal-istess sptar.
Fil-jiem li għaddew, żagħżugħ ta’ 18-il sena ħarab mill-Isptar Monte Karmeli, u nstab ftit wara bla ħajja. 
Ritratt: Arkivji