Jinstab Malti mitluf fl-Iskozja

Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, Malti li kien mitluf fl-Iskozja nstab qawwi u sħiħ.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li fil-jiem li għaddew, b’kollaborazzjoni mas-Sirene Bureau fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Korp tal-Pulizija f’Malta, kienet involuta f’każ mhux tas-soltu.
Kollox beda meta mara għamlet rapport fl-Għassa ta’ Tas-Sliema, li għall-ħabta tat-7.45pm kien ċemplilha s-sieħeb tagħha li kien trekking fil-Highlands Skoċċiżi, fejn infurmaha li ntilef. Spjegalha li sakemm kien miexi t-temp krieh u ma setax isib triqtu lura.
Minnufih, il-Pulizija Maltija bdiet tikkomunika mal-awtoritajiet barranin biex jgħinu lil din ir-raġel.
Għalkemm dak il-ħin kien hemm diffikultajiet tekniċi fis-sistema, il-Pulizija xorta sabu mezz biex jgħaddu d-dettalji kollha lill-awtoritajiet Brittaniċi u tibda t-tfittxija għal dan ir-raġel.
Kien għall-ħabta tal-11pm, li l-Malti reġa’ għamel kuntatt bil-mowbajl mas-sieħba tiegħu, fejn infurmaha li kien qed jisma’ ħelikopter fil-bogħod.  Il-Pulizija Maltija għaddietlu n-numru tal-kwartieri minn fejn kienet qed tiġi koordinata l-ħidma ta’ salvataġġ biex titħaffef il-komunikazzjoni.
Ftit tal-ħin wara l-Pulizija Maltija kienet infurmata mill-awtoritajiet barranin li l-ħelikopter kellu jerġa jidħol lura minħabba li kien ħafna maltemp, u li minflok kienu ser jintbagħtu mountain rescuers biex ikomplu jfittxu lill-Malti.
Ir-raġel instab għall-ħabta tas-1.20 ta’ filgħodu.