Jinstab l-iktar ġobon antik…u kien joqtol

L-iktar ġobon antik tad-dinja instab f’qabar fl-Eġittu, li għandu 3,200 sena. Iżda dan instab li għandu sigriet: il-batterji li joqtlu. 

Il-ġobon kien midfun maġenb Ptahmes – is-Sindku tal-kapitali tal-Eġittu antik, Memphis – li l-qabar tiegħu reġa’ nstab fl-2010 wara li kien intilef taħt ir-ramel tad-deżert.

Vażett wieħed kien fih massa bajda magħquda, kif ukoll kanvas li seta’ ntuża biex jgħatti l-vażett jew biex jippreserva l-kontenut. Wara li dewbu l-kampjun, l-istudjużi ppurifikaw il-kostitwenti tal-proteini u analizzawhom bil-kromatografija likwida.

Sabu li l-kampjun kien prodott tal-ħalib magħmul mill-ħalib tal-baqra u minn dak tan-nagħaġ jew tal-mogħoż. L-istudjużi kkonkludew li l-karatteristiċi tal-kanvas, li jindika li kien addattat biex iżomm fih xi ħaġa solida u mhux likwida, u n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra, iwasslu għall-konklużjoni li l-prodott tal-ħalib fil-fatt kien ġobon.

Aktar provi juru li l-kampjun kien ikkontaminat mill-Brucella melitensis, batterja li tikkawża l-brucellosis. Din il-marda li tista’ toqtol tinfirex mill-annimali għan-nies, tipikament meta dawn jieklu prodotti tal-ħalib mhux pasturizzati.

Jekk l-analiżi tat-tim tkun konfermata, dan il-kampjun jirrapreżenta l-iktar provi antiki ta’ din il-marda. Dr Enrico Greco, xjentist mill-Università ta’ Katanja qal li l-materjal analizzat fl-istudju huwa probabbilment l-iktar prova arkeoloġika antika tal-ġobon li nstabet sa issa.

Dr Greco jispjega li l-eluf ta’ snin li l-ġobon qatta’ midfun fir-ramel u f’kundizzjonijiet estremi ta’ sħana ma tellfulux il-kwalitajiet u l-provi li fih kien hemm din il-marda partikolari.