Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li wara 554 swab test matul il-jum tal-bieraħ, instab każ wieħed ġdid tal-coronavirus. Dan ħareġ mill-aġġornament ta’ kuljum li qed ikun ippubblikat permezz ta’ infografika fuq il-paġna ta’ Facebook. Jidher li dan il-każ kien sporadiku.
Ma kienx hemm persuni ġodda li fiqu mill-coronavirus. B’hekk, l-għadd ta’ persuni li fiqu b’kollox baqa’ dak ta’ 603persuna.
Bħalissa fil-pajjiż hawn 38 każ attiv. Minn meta feġġ il-coronavirus f’Malta, instabu pożittivi 650 persuna. Minnhom mietu disa’.
Minkejja li l-virus għadu ma ġiex eliminat mill-pajjiż, ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se tkun qed titneħħa l-emerġenza ta’ saħħa pubblika fil-pajjiż. Qal ukoll li mill-15 ta’ Lulju, il-pajjiż se jerġa’ lura għan-normalità hekk kif se jitneħħew l-aħħar ftit restrizzjonijiet u l-ivvjaġġar se jinfetaħ b’mod assolut.