Jinstab il-katavru tar-raġel imfittex fl-Aħrax tal-Mellieħa

info@newsbook.com.mt

Il-Pulizija ħabbret li r-raġel li kien qed ikun imfittex mill-Forzi Armati ta’ Malta fl-Aħrax tal-Mellieħa nstab mejjet.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li għall-ħabta tal-11.30am kienet infurmata mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li madwar żewġ mili ‘l barra mill-ponta tal-Aħrax tal-Mellieħa ntlemaħ katavru. Il-katavru ddaħħal permezz ta’ patrol boat tal-AFM u tniżżel fuq il-moll tal-Marfa. Hemm hu ġie identifikat bħala r-raġel ta’ 29 sena mill-Bagladesh li kien intilef fil-baħar.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Il-Pulizija informat ukoll li l-Awtoritajiet tas-Saħħa ċċertifikaw lir-raġel ta’ 21 sena mill-Bangladesh, li kien ukoll sab ruħu f’diffikulta fil-baħar, li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.