Aġġornata: Ġisem qalb it-tifrik tal-ajruplan li kien fuqu Sala

Wara li lbieraħ instab it-tifrik tal-ajruplan li fuqu kien hemm l-attakkant ta’ Cardiff City Emiliano Sala, jidher li issa instab ġisem wieħed qalb it-tifrik. Madanakollu għadu mhux magħruf jekk hux ta’ Sala jew inkella tal-pilota, David Ibbotson.

It-tifrik tal-ajruplan li kien fuqu l-footballer ta’ Cardiff City Emiliano Sala instab fil-Kanal Ingliż. L-ajruplan kien sparixxa minn fuq ir-radar fil-21 ta’ Jannar waqt li kien fi triqtu minn Nantes għal Cardiff. Fuqu kien hemm l-attakkant mill-Arġentina u l-pilota David Ibbotson.

Skont il-BBC l-investigaturi tal-inċident bagħtu makkinarju ta’ taħt l-ilma sabiex jinvestiga t-tifrik matul il-ġurnata tal-lum. David Mearns, li kien qed imexxi investigazzjoni privata, qal li t-tifrik instab ilbieraħ. Sostna li kull ma se jgħid huwa li hemm ammont sostanzjali ta’ tifrik f’qiegħ il-baħar. Il-ġisem deher f’filmat li nġibed mill-apparat li tniżżel taħt l-ilma bie xjinvestiga t-tifrik.

It-tifrik instab madwar tliet sigħat wara li tkompliet it-tfittxija l-Ħadd filgħodu. Mearns għadda l-investigazzjoni privata lill-Air Accident Investigation Branch (AAIB) li tinsab fuq il-post sabiex tirkupra t-tifrik.

Skont serje ta’ Tweets mill-investigatur indipendenti, il-familji taż-żewġ persuni mitlufa ġew infurmati bis-sejba. Mhux magħruf jekk il-persuni li sparixxew kawża tal-inċident jinsabux qalb it-tifrik.