Jinstab fil-pussess tad-droga; jinħeles mill-arrest

Żagħżugħ ta’ 22 sena mis-Serbja residenti l-Mosta wieġeb mhux ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-droga suspettata kannabis u kokaina.

Hu nħeles mill-arrest.

Fil-Qorti nstema’ kif iż-żagħżugħ, li ma jaħdimx, inqabad fil-pussess ta’ 17-il pakkett żgħir tal-plastic bid-droga suspettata kannabis, 7 pakketti żgħar droga suspettata kokaina, u 20 pillola tal-ecstasy. Hu kien qed isuq karozza mingħajr liċenzja u ħabat waqt li kienu qed isuqu warajh il-Pulizija. Għall-ewwel ipprova jaħrab imma wara kkoopera mal-Pulizija.

Meta ħabat ikkawża ħsara fuq karozza oħra li hija tas-sieħba tiegħu.

L-avukata tad-difiża qalet li kien hem kwantitajiet żgħar tad-droga – madwar 15-il gramma kannabis, u 3 grammi tal-kokaina. Qalet ukoll li għadu mhux magħruf jekk is-sustanzi li nstabu humiex tassew drogi.

Il-Qorti semgħet ukoll kif l-akkużat kien qed jgħix mat-tfajla tiegħu f’dar flimkien mal-ġenituri tagħha. It-tfajla li ġiet il-Qorti qalet lill-Maġistrat li s-sieħeb tagħha jkun jista’ jkompli jgħix magħha.

Il-prosekuzzjoni kienet kontra l-ħelsien mill-arrest tal-akkużat minħabba l-gravità tal-każ u l-ammont ta’ drogi involuti.

L-akkużat inħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon. L-avukata tad-difiża kienet Vernonique Dalli.

Is-seduta saret bl-Ingliż.