Jinstab apparat suspettuż fit-trakk li ntuża fl-attakk ta’ Stokkolma

Il-Pulizija Żvediża kkonfermat li fit-trakk li ntuża fl-attakk terroristiku fi Stokkolma, instab apparat suspettuż taħt is-seat tas-sewwieq.
Fid-dawl li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin sew fuq it-trakk kif ukoll fuq il-persuni arrestati, il-Pulizija kienet għadha mhux f'pożizzjoni li tikkonferma jekk l-apparat li sabet kienx bomba jew le.
Minkejja dan, kollox jindika li l-moħħ wara dan l-attakk, kien raġel ta' 39 sena mill-Użbekistan li jirriżulta li kien fil-lista ta' persuni imfittxija mill-Aġenzija tas-Sigurtà u s-Servizzi Sigrieti tal-pajjiż.
Sa 24 siegħa wara l-attakk fi Stokkolma, il-Pulizija għadha qed tqis iċ-ċentru tal-belt bħala xena ta' reat u qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jekk mhux għal raġunijiet neċessarji, ma jersaqx lejn il-post hekk kif l-investigazzjoni għadha fl-aqwa tagħha.
L-attakk ħalla erba' persuni mejta, u mal-15-il ruħ oħra fosthom tfal ittieħdu l-isptar. Sas-Sibt filgħodu, jirriżulta li sitta minn dawk li kienu rikoverati l-isptar, kienu rilaxxati.