Jinsistu li l-Gvern għandu jerġa’ jibgħat il-vawċers

Il-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) u l-Partit Nazzjonalista ltaqgħu u flimkien iddiskutew il-proposti tal-baġit 2021.

Il-President tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) Paul Abela qal li aktar kmieni din il-ġimgħa l-kamra ppubblikat 19-il proposta għall-Baġit 2021 li jiffukaw primarjament il-bżonn ta ’rispons urġenti meħtieġ biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija ta’ Covid 19 fuq in-negozji. Żied li l-2020 kienet sena kif ħadd ma kien qiegħed jistenna.

Abela qal li l-Baġit għas-2021 għandu jiggarantixxi pakkett finanzjarju biex jgħin lin-negozji jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Kompla li s-suppliment fil-pagi kien proposta tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji li salvat eluf ta’ impjiegi fil-Gżejjer Maltin.

Il-president Abela semma diversi proposti fosthom li t-tnaqqis fl-Income Tax għan-negozji, is-suppliment fil-pagi li jkun estiż ta’ Marzu 2021, li jerġgħu jingħataw vawċers ta’ €100 u li jiġu estiżi l-benefiċċji tal-MicroInvest fost proposti oħra.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-kelliem għall-Oppożizzjoni Mario Demarco qal li kien il-Partit Nazzjonalista flimkien mal-korpi kostitwiti saqu li l-ewwel pakkett finanzjarju li ressaq il-Gvern ma kienx biżżejjed u fuq l-insistenza tagħhom li l-Gvern ressaq it-tieni pakkett finanzjarju.

Il-kelliem għall-Oppożizzjoni Claudio Grech qal li li l-priorita’ ewlenija fix-xhur li ġejjin għandha tkun li l-intrapriżi Maltin u Għawdxin jingħataw l-appoġġ kollu neċessarju sabiex mhux biss joħorġu mill-kriżi li għaddejjin minnha iżda li wkoll jieħdu l-opportunita’ biex jinvestu f’miżuri ta’ tkabbir u ta’ effiċjenza għall-operat tagħhom.

Hermann Schiavone qal li l-iskema tal-vawċers kienet ta’ għajnuna kbira għal bosta negozji u tenna l-importanza li din l-iskema tiġi estiża għax-xhur li ġejjin. Żied li l-Gvern għandu jagħti aktar għajnuna lin-negozji fil-ħlas tal-kera u sussidju fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Min-naħa tagħha d-Deputat Kristy Debono qalet li l-pandemija qed tpoġġi sfidi kbar fuq l-ekonomija inġenerali b’mod partikolari n-negozji żgħar u medji. Żieder li l-Gvern għandu jassigura li kull industrija tirċievi l-għajnuna li għandha bżonn b’mod aktar effettiv u f’waqtu sabiex jibqgħu joperaw b’mod sostennibli waqt li nassiguraw li tingħatalhom l-għajnuna meħtieġa biex jittrasformaw u jġeddu l-operat tagħhom biex jimmodernizzaw u jibqgħu relevanti u kompetittivi għas-suq tal-lum