Jinsisti li ma nżammitx il-wegħda li l-binja tal-konkos tinkesa

Il-Kunsill Lokali tal-Furjana saħaq li kien imwiegħed li l-bażi marittima ġdida tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben, magħmula mill-konkos, tinkesa b’ġebel lewn is-swar ta’ warajha, imma din il-wegħda ma nżammitx.
Fi stqarrija, il-kunsill irrefera għal kliem il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, li ġie rrappurtat li qal li l-bażi marittima sebbħet l-inħawi.
Il-kunsill saħaq li peress li l-intervent imwiegħed ma sarx, “dak li kien diġà estetikament ikrah, krieh ferm iktar”.
Il-kunsill esprima d-diżappunt tiegħu li minkejja l-ħafna karbiet tiegħu, il-patrimonju kulturali ma ġiex salvagwardjat kif jixraq u għamel referenza għal laqgħat li kellu mal-istess Ministru Abela u mal-Ministru Manuel Mallia qablu.