Jinsisti li l-UE tibdel il-politika tas-sajd biex tħares realtajiet bħal f’Malta

Il-kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, qabel ivvota favur rapport dwar is-sajd, insista li l-UE għandha tibdel il-politika tagħha dwar dan il-qasam biex postijiet bħal Malta ma jbatux.
Alfred Sant saħaq li postijiet żgħar u fil-periferija, bħal Malta u Għawdex, għandhom sajd fuq skala żgħira, ħafna drabi fil-familja stess.
Insista li dawn m’għandhomx ikunu regolati minn Direttivi li japplikaw għas-sajd fuq skala industrijali u sostna li fl-aħħar snin, il-komunitajiet tas-sajd tradizzjonali f’Malta naqsu fl-għadd u naqas il-qligħ tagħhom.
Għalhekk saħaq li l-UE għandha dmir tipproteġi dawn il-komunitajiet żgħar.
Qabel il-vot dwar ir-rapport tal-Pjan għall-Kontroll tat-Tonn fil-Lvant tal-Atlantiku, il-grupp Soċjalisti u Demokratiċi ressaq emenda, li għaddiet, biex tingħata iktar importanza fl-allokazzjoni tal-kwoti lis-sajjieda żgħar.