Jinsisti li l-Oppożizzjoni mhi se ssib xejn kontrih għax mhemmx

Il-Ministru tal-Enerġija, Konrad Mizzi, fid-diskussjoni fil-Parlament dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern, saħaq li l-Oppożizzjoni mhi se ssib xejn kontra tiegħu u li jekk issib, anke fil-futur imbiegħed, għandha tressaq proċeduri formali kontrih.
Mizzi ddeskriva lilu nnifsu rrabjat ħafna li l-focus kollu fl-aħħar ġimgħat kien fuq il-kwistjoni tal-Panama Papers, mhux fuq ir-riżultati tal-Gvern.
Sostna li ddikjara l-kumpanija tal-Panama u t-trust mal-ewwel opportunità li kellu; u li mill-bidu nett kien konsistenti f’dak li qal għax qal il-verità.
Tenna li t-trust hi tal-familja, bl-oġġettivi ppubblikati b’mod ċar, li l-benefiċjarji huma martu u wliedu u li kieku kellu intenzjonijiet ħżiena seta’ kien hemm strutturi oħrajn li seta’ uża.
Tenna li m’għandux il-ħin biex jieħu ħsieb il-ġid personali u kien għalhekk li talab is-servizzi ta’ persuni professjonali biex jagħmlu dan.
Insista li “mhemm lanqas ċenteżmu fil-kumpanija u li, at this point in time, mhemmx kontijiet bankarji”.
Qal li fl-aħħar ġimgħat ġie ffaċċjat b’ġuri mill-midja u li joqgħod għaliha għax hu persuna pubblika iżda rrefera għal rapporti mill-midja Awstraljana bħala dawk li jirreferu għal emails li kienu jittrattaw klijenti oħra ta’ Nexia BT mhux lilu.
Fl-istess ħin ammetta għal darb’oħra li seta’ għamel għażla aħjar u messu ħaseb iktar dwar dak li għamel.
Tenna li ssottometta ruħu għal awditjar indipendenti u talab lill-Kummissarju tat-Taxxa biex jevalwa l-materji finanzjarji kollha tiegħu. “Jien għamiltha għax m’għandi ebda biża’, dejjem iddikjarajt kollox u dejjem kont onest”.
Appella lill-Oppożizzjoni biex ma jkunx hemm ġurija mill-midja u biex jistennew il-fatti u l-eżitu tal-awditjar indipendenti dwaru.
Fil-bidu tal-intervent tiegħu, Konrad Mizzi spjega għaliex daħal fil-politika fejn sostna li kien jemmen li Malta setgħet tkun aħjar b’riżultat ta’ ħidma ta’ tim ta’ nies li għandhom viżjoni għall-pajjiż u li seta’ jikkumplimenta l-ħiliet ta’ sħabu u ta’ Joseph Muscat.
Iktar tard, elenka diversi kisbiet li għamel il-Gvern inkluż fl-oqsma li tagħhom hu responsabbli direttament.