Jinqela bil-kummenti dwar l-iskandlu taż-żejt

Read in English.

It-tliet diretturi tal-kumpanija Intershore Fiduciary Services Ltd rebħu €7,500 bejniethom, f’kawża ta’ libell kontra l-eks Ministru Tonio Fenech.

L-Avukat Martin Fenech, Joseph Cordina u Charles Scerri, fetħulu libell dwar allegazzjonijiet li kien għamel fuq Net TV fil-konfront ta’ din il-kumpanija qabel l-elezzjoni tal-2013.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Tonio Fenech kien qal li dawn it-tlieta kienu involuti fl-iskandlu taż-żejt tal-Enemalta. Huwa kien semma l-Powerplan Limited Investigative Audit Report, kontra George Farrugia, li kien fil-qalba tal-iskandlu taż-żejt. Farrugia kien is-sid ta’ Aikon Ltd, kumpanija li kienet tal-Intershore Fiduciary Services.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, ikkonkludiet li l-kummenti ta’ Fenech kienu libellużi u bla bżonn. L-eks Ministru għandu jħallas €3,000 kull wieħed lil Scerri u lil Fenech, u €1,500 lil Cordina, li minħabba dan irtira l-kandidatura tiegħu mal-PL għall-elezzjoni tal-2013.

Cordina kellu kawża oħra ta’ libell kontra l-ġurnal Il-Mument dwar artiklu bl-isem “L-Amministratur Finanzjarju tal-Partit Laburista wara l-iskandlu taż-żejt” li ġie ppubblikat fi Frar tal-2013. Kawża oħra ta’ libell fil-konfront ta’ In-Nazzjon ġiet irrifjutata.

Il-Qorti ddeċidiet li anke dan l-artiklu kien fih allegazzjonijiet foloz dwar Cordina, għax implika l-involviment tiegħu fl-iskandlu taż-żejt u fit-tixħim fix-xiri taż-żejt tal-Enemalta.

Il-Maġistrat Depasquale ordna lill-editur ta’ Il-Mument iħallas €2,000 lil Cordina.

Ir-reazzjoni tal-Partit Laburista

Fi stqarrija, il-Partit Laburista kkundanna l-malafama li saret dwar l-iskandlu taż-żejt fil-konfront ta’ Joseph Cordina, is-Sindku tax-Xagħra. Skont il-PL, din tmexxiet miż-żewġ strateġisti tal-PN, Dr Simon Busuttil u Dr Tonio Fenech.

Skont il-PL, din l-istorja kienet inħolqot mill-PN bħala attakk fuq il-PL li kien qiegħed jattakka lill-PN bl-iskandlu taż-żejt.

Il-PL staqsa kif Simon Busuttil jista’ jitqies bħala kredibbli ġaladarba pprova jiddefendi l-iskandlu taż-żejt.