Awdjo: Jinqdew bin-nursery tal-Floriana FC biex jisolħu l-flus

Għadd ta’ persuni rċevew imejl mingħand l-amministratur tan-nursery tal-Furjana, Neville Spiteri, li fiha ntalbu jibagħtu €1,850 “biex ikun jista’ jirritorna lura Malta.”
Iżda din l-imejl kienet scam, u mhux veru li kienet mibgħuta minn Neville Spiteri.
Persuna mhux magħrufa, daħħlet fl-account tal-gmail tan-nursery tal-Furjana u bagħat imejl lill-kuntatti kollha li kien hemm.
L-imejl intbagħtet f’isem l-amministratur tan-nursery u fiha ntqal li jinsab ir-Renju Unit u ntilfulu l-bagalji li fihom kien hemm il-passaport u l-karti tal-kreditu.
Kiteb li minħabba f’hekk m’għandux flus biex iħallas il-lukanda u lanqas il-passaġġ lura Malta. Kien għalhekk li talab li xi ħadd jagħtih €1,850 ewro biex ikun jista’ jirritorna lura Malta malajr.
Taħt il-firma, kien hemm ukoll numru tal-mowbajl, li għalkemm jixbaħ xi ftit lil dak reali, ma kienx in-numru veru ta’ Spiteri, tant li meta ċċempel jgħidlek li n-numru ma jeżistix.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Neville Spiteri qal li kien qiegħed ix-xogħol meta ċempillu xi ħadd jgħidlu bl-imejl. Qal li għal bidu ħaseb li qed jagħmlulu ċajta, iżda meta rċieva ħafna telefonati induna li xi ħadd veru kien bagħat l-imejl f’ismu.
Żied jgħid li mill-ewwel prova jidħol fl-imejl biex ibiddel il-password, iżda ma setax għax xi ħadd kien diġà biddlu. Kien għalhekk li għamel rapport, u għamel account ġdid.
Appella lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jirċievi dawn it-tip ta imejls u jivverifika qabel ma jagħmel xi trasferimenti ta' flus.