Jinqatlu illegalment 99 għasfur fl-2019; jingħalaq l-istaġun

Read in English.

L-2019 kienet it-tieni l-aktar sena li fiha kien hemm kaċċa illegali fl-aħħar seba’ snin, peress li nqatlu 99 għasfur. Nhar il-Ġimgħa li għadda għalaq l-istaġun tal-ħarifa tal-2019 li kien ilu miftuħ għal ħames xhur. L-istaġun tal-insib għalaq fl-10 ta’ Jannar u kien ilu miftuħ mill-20 t’Ottubru.

BirdLife Malta ħarġet stqarrija li fiha fakkret id-diversi każijiet li ssemmew tul l-istaġun ta’ kaċċa u nsib illegali, fosthom ta’ fjamingi protetti f’Awwissu u tal-qatgħa ajkli bojod rari li sparixxew f’Novembru.

L-NGO qalet li d-99 għasfur maqtul fl-2019 huma biss dawk li nstabu u nġabru, għax jaf kien hemm iżjed li baqgħu misturin.

Żiedet tgħid li minkejja din l-illegalità, il-Gvern qed ikompli jinjora proposta li għandha l-appoġġ unanimu tal-Kumitat Ornis biex jitwaqqaf Wildlife Crime Unit.

Il-BirdLife rringrazzjat lill-pubbliku tal-appoġġ u qalet li kien bis-saħħa tal-pubbliku li rnexxielhom jaqbdu aktar minn 50 għasfur midrub f’ħames xhur, li 17 minnhom ġew riabilitati b’suċċess u nħelsu lura fis-selvaġġ. Appellat lill-pubbliku biex jibqa’ b’seba’ għajnejn għal kull illegalità li jista’ jiltaqa’ magħha.

Tista’ tirrapporta lill-Pulizija tal-ALE fuq 119 u lil BirdLife Malta fuq 21347645/6 jew 79255697.