Jinqatlu għax kellhom il-Bibbja jew kuruni tar-Rużarju

Saċerdot Kattoliku li jaħdem ma’ refuġjati mill-Korea ta’ Fuq li jaslu fiċ-Ċina sostna li ħżienu ħafna l-kundizzjonijiet għall-insara taħt id-dittatorjat ta’ Kim Jong Un u appella lill-Gvern Ċiniż biex jagħti kenn lil dawk li kienu qed jaħarbu mill-Korea Komunista.
Fr Philippe Blot iddeskriva s-sitwazzjoni li qed jiffaċċjaw ir-refuġjati mill-Korea ta’ Fuq bħala waħda drammatika hekk kif dawn qed jippruvaw jaħarbu lejn iċ-Ċina biex jevitaw li jmutu bil-ġuħ.
Fiċ-Ċina bħalissa hemm madwar 200,000 persuna mill-Korea ta’ Fuq li jekk ikunu mġiegħla jirritornaw lejn pajjiżhom ilkoll jafu li se jkunu torturati, jintbagħtu f’kampijiet ta’ detenzjoni u eventwalment jinqatlu.
Is-saċerdot Franċiż qal li hu mar iċ-Ċina fl-2010, wara li saritlu talba biex imur jgħin lil dawk li kienu qed jaħarbu mill-Korea ta’ Fuq.  Kull refuġjat ikollu jħallas $5300 lit-traffikanti biex jasal fiċ-Ċina u xorta jibqa’ nkwetat dwar il-bqija tal-familja li jkunu baqgħu fil-Korea.  Dan għaliex il-familja tar-refuġjat tkun kunsidrata bħala traditura u l-membri tagħha jintbagħtu f’kamp fejn ikunu indotrinati b’ideat komunisti.
Ir-refuġjati fiċ-Ċina huma meqjusa illegali u jinsabu f’sitwazzjoni perikoluża.  Anke dan is-saċerdot għandu dilemma morali peress li hu wkoll qiegħed fil-pajjiż jikser il-liġi imma hu jirraġuna li l-kriterji morali hu ġustifikat li jaqbiżhom billi ċ-Ċina qed tgħaffeġ fuq id-drittijiet tal-bniedem u għalhekk iħoss li għandu jimxi fuq il-kriterji tal-Evanġelju.
Fil-Korea ta’ Fuq hemm id-djoċesijiet kattoliċi ta’ Hamhung u Pyongyang li huma antiki ħafna. Is-servizzi reliġjużi huma permessi biss fi knisja waħda Kattolika fi Pyongyang, belt li fiha jgħixu 2.7 miljun persuna, żewġ knejjes Protestanti u knisja Ortodossa.  Fil-pajjiż, qabel il-Komunisti ħadu l-kontroll f’idejhom kien hemm 100,000 kattoliku u 200,000 protestant.
L-organiżazzjonijiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem jistmaw li madwar 30,000 kristjan jinsabu fil-ħabsijiet jew f’kampjiet tax-xogħol furzat. Kien hemm insara li nqatlu fil-pubbliku għax fil-pussess tagħhom instabu kopji tal-Bibbja u kuruni tar-rużarju. Il-knejjes li għadhom miftuħa huma biss “faċċati” biex sempliċement jagħtu impressjoni li hemm il-libertà reliġjuża.