Jinqatlu 4 ostaġġi u 3 aggressuri fi tmiem imdemmi fi Franza

Tmiem imdemmi għal żewġ attakki fi Franza lbieraħ li fihom inqatlu erba’ ostaġġi u tliet aggressuri.
Fost dawk li nqatlu lbieraħ kien hemm iż-żewġt aħwa li nhar l-Erbgħa li għadda qatlu 12-il persuna fl-attakk fuq ir-rivista Charlie Hebdo. Dawn l-aħwa inqatlu hekk kif kienu qed jaħarbu minn maħżen lejn it-tramuntana ta’ Pariġi, waqt li kienu qed jisparaw lejn il-Pulizija.
Ftit iktar tard fil-lvant ta’ Pariġi, forzi ta’ kontra t-terroriżmu daħlu f’supermarket li fih kienu qed jinżammu ostaġġi minn aggressur, li allegatament kellu rabta mal-aħwa terroristi li nqatlu. L-agressur u erba’ ostaġġi spiċċaw maqtula f’dan is-supermarket.
Il-Pulizija Franċiża temmen li l-ostaġġi kienu nqatlu qabel ma nbdiet l-operazzjoni ta’ salvataġġ. Erba’ ostaġġi oħra ndarbu serjament filwaqt li 15-il persuna oħra ġew salvati qawwijin u sħaħ. Żewġ uffiċjali tal-Pulizija ndarbu f’din il-ħidma.
Din l-operazzjoni ta’ salvataġġ tnediet wara li spiċċa l-assedju l-ieħor tal-Pulizija Franċiża f’Dammartin-en-Goele li tinsab madwar 35 kilometru bogħod minn Pariġi.
Iż-żewġt aħwa, Cherif u Said Kouachi, ħarġu mill-bini armati u bdew jisparaw lejn il-Pulizija. Kien hawnhekk li l-aħwa nqatlu.
Il-President Franċiż Francois Hollande iddeskrieva dawn l-avvenimenti bħala “traġedja għan-nazzjon kollu”.
Agħfas hawn biex issegwi f'aktar dettall dak kollu li ġara f'Pariġi lbieraħ il-Ġimgħa.